Il-Kummissjoni tissanzjona lill-esportaturi Ċiniżi ta’ oġġetti tal-mejda li jevadu d-dazji anti-dumping tal-UE
Id-deċiżjoni ssegwi investigazzjoni bir-reqqa mnedija mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess (ex officio) f’Marzu ta’ din is-sena, minħabba żieda qawwija fl-esportazzjonijiet ta’ xi kumpaniji Ċiniżi matul l-aħħar ħames snin (2014-2018).
L-investigazzjoni kkonfermat li l-kumpaniji Ċiniżi qed jevadu d-dazji anti-dumping ta’ madwar 36 % billi jgħaddu l-esportazzjonijiet taċ-ċeramika tagħhom permezz ta’ kumpaniji oħra li kienu soġġetti għal dazji anti-dumping aktar baxxi ta’ madwar 18 %.
Il-kumpaniji Ċiniżi - b'kollox aktar minn 30 - li nstabu li għenu biex jiġu evitati d-dazji se jkunu wkoll soġġetti għar-rata ta' dazju ogħla ta' madwar 36%.
Id-dazji l-ġodda se japplikaw mill-21 ta’ Marzu 2019 ’il quddiem, b’madwar €15-il miljun f’dazji li għandhom jinġabru b’mod retroattiv.
Din hija l-akbar investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tal-Kummissjoni sal-lum. Dan kien jinvolvi riżorsi sinifikanti ħafna, b’20 investigatur tal-Kummissjoni jwettqu verifikazzjonijiet fuq il-post f’50 kumpanija Ċiniża.
Sfond
L-UE ilha tapplika miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina miċ-Ċina minn Mejju 2013. F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-miżuri għal perjodu ieħor ta’ ħames snin, meta jitqies li l-prattiki ta’ dumping komplew.
L-industrija tal-oġġetti li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina fl-Unjoni Ewropea hija frammentata ħafna, u madwar nofsha tikkonsisti f’għadd kbir ta’ SMEs. Hemm madwar 27 000 impjegat li jaħdmu direttament fis-settur, li jaqdu lill-klijenti Ewropej bi prodotti ta’ kwalità għolja. Il-produtturi Ewropej għandhom sehem mis-suq ta’ madwar 30 %, filwaqt li l-produtturi Ċiniżi għandhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 55 % fl-Unjoni Ewropea. Il-miżuri tal-lum se jgħinu biex terġa’ tinkiseb kompetizzjoni ġusta.
Għal aktar informazzjoni
Regolament li jimponi dazji kontra ċ-ċirkomvenzjoni Politika tal-UE
għad-difiża tal-kummerċ