Is-suq uniku tal-UE

Fis-suq uniku tal-UE – xi drabi msejjaħ is-suq intern – in-nies, l-oġġetti, is-servizzi u l-flus jistgħu jiċċaqilqu liberament. Ir-rikonoxximent reċiproku jiggarantixxi li kwalunkwe prodott mibjugħ legalment f’pajjiż wieħed tal-UE jista’ jinbiegħ fl-oħrajn kollha. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jistudjaw, jgħixu, jixtru, jaħdmu u jirtiraw fi kwalunkwe pajjiż tal-UE – u jgawdu prodotti mill-Ewropa kollha.

Benefiċċji

Il-kumpaniji tal-UE jibbenefikaw minn

  • "suq domestiku" ta' aktar minn 450 miljun konsumatur għall-prodotti tagħhom
  • aċċess aktar faċli għal firxa wiesgħa ta’ fornituri
  • kostijiet unitarji aktar baxxi
  • opportunitajiet kummerċjali akbar.

Iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn

  • prezzijiet aktar baxxi
  • aktar innovazzjoni u żvilupp teknoloġiku aktar mgħaġġel
  • standards ogħla ta' sikurezza u ambjentali

Leġislazzjoni

Il-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku għall-oġġetti għandha l-għan li tiżgura li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE jissodisfaw rekwiżiti għoljin tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent u li l-prodotti li jitħallew jinbiegħu fl-UE jkunu jistgħu jiċċirkolaw mingħajr ostakli għall-kummerċ, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi jinżammu f’livell minimu.

Elementi ewlenin

L-elementi ewlenin tas-suq intern huma:

  • Sikurezza – il-prodotti kkummerċjalizzati fl-UE jridu jissodisfaw rekwiżiti għoljin ta’ sikurezza u ta’ ambjent.
  • Standards – L-istandards jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi jew ta’ kwalità għall-prodotti, għall-proċessi ta’ produzzjoni, għas-servizzi jew għall-metodi ta’ ttestjar. L-istandardizzazzjoni hija għodda għall-industrija biex tiżgura l-prestazzjoni, is-sikurezza u l-interoperabbiltà tal-prodotti. Aktar dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea.
  • Valutazzjoni tal-konformità – Trid titwettaq proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità qabel ma prodott ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-UE. Manifattur jista’ jqiegħed prodott fis-suq tal-UE biss jekk jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli kollha. Aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità.
  • Akkreditazzjoni – L-akkreditazzjoni hija l-livell finali ta’ kontroll pubbliku fis-sistema Ewropea ta’ valutazzjoni tal-konformità. Għandu l-għan li jiżgura li l-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jkollhom il-kapaċità teknika biex iwettqu dmirijiethom. Aktar dwar l-akkreditazzjoni .
  • Korpinotifikati – Korp notifikat huwa organizzazzjoni maħtura minn pajjiż tal-UE biex tivvaluta l-konformità ta’ ċerti prodotti qabel ma jitqiegħdu fis-suq. Aktar informazzjoni dwar il-korpi notifikati.
  • Sorveljanza tas-suq – Is-sorveljanza tas-suq tiżgura li l-prodotti mhux tal-ikel fis-suq tal-UE ma jpoġġux lill-konsumaturi u lill-ħaddiema tal-Ewropa f’riskju u li interessi pubbliċi oħra – bħall-ambjent, is-sikurezza u l-ġustizzja tal-kummerċ jiġu protetti. Aktar dwar is-sorveljanza tas-suq.
  • ICSMS – Is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar is-Sorveljanza tas-Suq (ICSMS) hija pjattaforma tal-IT biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fil-pajjiżi tal-UE u tal-EFTA. Aktar dwar l-ICSMS.
  • Il-markaturaCE – Il-markatura CE tindika li prodott mibjugħ fl-UE jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli kollha tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-protezzjoni ambjentali. Aktar dwar il-marka CE.
  • Metroloġija legali – l-applikazzjoni tar-rekwiżiti legali għall-kejl u l-istrumenti tal-kejl. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-metroloġija legali hija waħda mill-pilastri tas-suq uniku għall-prodotti. Ir-rekwiżiti tal-UE għandhom l-għan li jippromwovu l-innovazzjoni teknoloġika, jipproteġu s-saħħa u l-ambjent, jiżguraw is-sikurezza pubblika, u jippromwovu l-kummerċ ġust. Aktar dwar il-metroloġija legali.
  • Fruntieriesterni – il-pajjiżi tal-UE jivverifikaw il-prodotti li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE fil-fruntieri tal-Unjoni.
  • Qafas leġiżlattiv ġdid – Fl-2008 ġie adottat qafas leġiżlattiv ġdid biex itejjeb is-suq intern għall-oġġetti u jsaħħaħ il-kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti fis-suq tal-UE. Aqra aktar dwar il-qafas leġiżlattiv il-ġdid.

Il-moviment liberu tal-merkanzija

Ħafna prodotti fis-suq tal-UE huma soġġetti għal regoli armonizzati li jipproteġu lill-konsumaturi, lis-saħħa pubblika u lill-ambjent. Ir-regoli armonizzati jipprevjenu l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali potenzjalment diverġenti u jiżguraw il-moviment liberu tal-prodotti fl-UE. Madankollu, xi setturi għadhom soġġetti għal regoli nazzjonali. Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija jiżgura li dawn ir-regoli ma joħolqux ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ.

Setturi armonizzati

Is-setturi armonizzati huma soġġetti għal regoli komuni madwar l-UE. Dawn jipprovdu lin-negozji b’qafas legali ċar u prevedibbli. Jekk il-manifatturi jsegwu dawn ir-regoli, il-prodotti tagħhom jistgħu jinbiegħu liberament fis-suq.

  • Fil-biċċa l-kbira tas-setturi(eż. tagħmir elettroniku u elettriku, makkinarju, liftijiet u apparat mediku), il-leġiżlazzjoni tal-UE hija limitata għal rekwiżiti essenzjali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-protezzjoni ambjentali - biex tintwera l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-manifatturi jistgħu jużaw b’mod volontarju standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra.
  • F’setturi oħra (eż. tal-karozzi u tas-sustanzi kimiċi), il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati li jobbligaw lil ċerti tipi ta’ prodotti jkollhom l-istess speċifikazzjonijiet tekniċi.

Setturi mhux armonizzati

Is-setturi mhux armonizzati mhumiex soġġetti għal regoli komuni tal-UE u jistgħu jkunu koperti minn regoli nazzjonali. Dawn is-setturi jkomplu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikoli  34-36 TFUE. Ir-regoli nazzjonali dwar dawn il-prodotti huma soġġetti għal proċedura ta’ notifika biex jiġi żgurat li ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ.

Sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija f'setturi mhux armonizzati, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-proċedura ta' notifika 2015/1535 u l-applikazzjoni tal-Artikoli  34-36 TFUE huma essenzjali.

Links ta’ malajr