Kif taqra ftehim kummerċjali

Jekk tixtieq tesporta l-prodott jew is-servizz tiegħek, tista’ tibbenefika minn trattament favorevoli bis-saħħa ta’ ftehim kummerċjali. Il-ftehimiet kummerċjali jagħmluha aktar faċli u irħas għalik biex tesporta, u jagħtu lill-prodott tiegħek vantaġġ kompetittiv fis-suq tad-destinazzjoni. Din it-taqsima se tgħinek tifhem kif jaħdmu l-ftehimiet kummerċjali tal-UE u tgħidlek kif issib l-informazzjoni li teħtieġ.

Il-ftehimiet kummerċjali tal-UE jistgħu jidhru dokumenti kkumplikati, iżda huma bbażati fuq struttura loġika faċli biex tiġi segwita. Hawn taħt hawn l-istruttura bażika standard ta’ ftehim kummerċjali biex tgħinek issib l-informazzjoni għall-attività kummerċjali partikolari tiegħek. Din hija linja gwida ġenerali. Kull ftehim huwa differenti, skont is-sitwazzjoni tal-partijiet firmatarji u l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ.

1. Preambolu

Il-preambolu jidentifika l-partijiet, jikkonferma l-objettivi komuni tagħhom għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom u jirrikonoxxi l-bażi ta’ dawk ir-relazzjonijiet.

2. Definizzjonijiet, għanijiet u dispożizzjonijiet inizjali

Dan il-kapitolu jispjega t-termini użati fil-ftehim sabiex jiġi żgurat fehim komuni tal-lingwa.

3. Trattament nazzjonali u aċċess għas-suq għall-prodotti

Dan il-kapitolu u l-annessi tiegħu normalment jiddeskrivu sa liema punt u kemm il-ftehim se jnaqqas jew jelimina malajr id-dazji għall-oġġetti nnegozjati bejn il-partijiet. Hawnhekk issib it-tariffi għall-prodotti kollha koperti mill-ftehim kummerċjali. Normalment ikun hemm anness separat b’impenji speċifiċi magħmula minn kull parti għal kull kategorija ta’ prodotti.

4. Rimedji kummerċjali

Dan il-kapitolu jirreferi għall-kontromiżuri li parti tista’ tieħu b’reazzjoni għall-effetti negattivi ta’ prattiki kummerċjali inġusti, bħad-dumping u s-sussidji illegali.

5. Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ

Dan il-kapitolu jipprevedi l-armonizzazzjoni ta’ ċerti regolamenti u r-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ ċerti proċeduri ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità f’setturi speċifiċi. Jista' jipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku tal-proċeduri ta' l-istima tal-konformità, jiġifieri l-prodotti jistgħu jiġu aċċettati għall-importazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti ta' l-istima tal-konformità maħruġa fil-pajjiż esportatur.

6. Miżuri sanitarji u fitosanitarji

Dan il-kapitolu jistabbilixxi r-regoli dwar is-sikurezza alimentari, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. L-għan ġenerali huwa li jiġu ssimplifikati u armonizzati l-proċeduri ta’ konformità u li jiġi żgurat li s-sikurezza tal-ikel leġittima u l-miżuri tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti ma joħolqux ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ. Hawnhekk issib l-awtoritajiet kompetenti f’kull pajjiż u l-mekkaniżmi ta’ approvazzjoni li għandek bżonn tikkonforma magħhom biex tesporta.

7. Faċilitazzjoni doganali u kummerċjali

Dan il-kapitolu għandu l-għan li jissimplifika l-proċeduri doganali u jagħmilhom aktar effiċjenti. Issib proċeduri doganali mhux koperti band’oħra, rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni u metodi għad-determinazzjoni tal-konformità mar-regoli tal-oriġini, kif ukoll informazzjoni relatata mal-valutazzjoni u t-tariffi doganali, u d-dritt tiegħek li tappella kontra deċiżjonijiet doganali.

8. L-investiment

Dan il-kapitolu jistabbilixxi miżuri biex jinfetaħ l-investiment u jiġu protetti l-investituri billi jiġi żgurat it-trattament ġust tagħhom. Dan jista’ jneħħi l-limiti massimi tal-ekwità barranija jew ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni, jiffaċilita t-trasferiment tal-profitti, u jistabbilixxi regoli stabbli u prevedibbli għall-garanziji ta’ investiment. Dan jista’ jistabbilixxi wkoll sistemi ta’ qorti tal-investiment biex l-investituri jkunu jistgħu jsolvu t-tilwim dwar l-investiment mal-gvernijiet malajr u b’mod ġust.

9. Kummerċ fis-servizzi

Dan il-kapitolu jittratta l-kummerċ transfruntier fis-servizzi. Dan isegwi parzjalment l-istruttura tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), li jistabbilixxi r-regoli għall-kummerċ fis-servizzi bejn il-membri kollha tad-WTO. Madankollu, il-ftehimiet kummerċjali spiss ikun fihom impenji addizzjonali f’oqsma bħas-servizzi finanzjarji, it-telekomunikazzjoni, il-kummerċ elettroniku u l-moviment temporanju ta’ persuni fiżiċi. Impenji speċifiċi jistgħu jkunu inklużi fl-annessi, bi skeda separata għal kull waħda mill-partijiet.

10. L-akkwist pubbliku mill-gvern

Dan il-kapitolu jistabbilixxi l-oqsma li fihom il-kumpaniji minn kull naħa jistgħu jipprovdu oġġetti u servizzi lill-gvernijiet ta’ xulxin, inklużi l-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali, provinċjali u lokali. Meta l-partijiet ikunu diġà membri tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO, il-ftehim kummerċjali jista’ japprofondixxi l-impenji f’termini tal-għadd ta’ entitajiet tal-akkwist koperti, l-għadd ta’ oġġetti u servizzi koperti, u l-limiti tal-valur għall-eliġibbiltà tal-offerta.

11. Proprjetà intellettwali

Dan il-kapitolu normalment jibni fuq konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-proprjetà intellettwali (PI) u jiddeskrivi l-proċeduri u r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur, it-trademarks, id-disinji, il-privattivi, il-protezzjoni tad-data, eċċ. Jista’ jiddefinixxi wkoll oqsma ġodda ta’ kollaborazzjoni, bħall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.

12. Kompetizzjoni u kwistjonijiet relatati

Din it-taqsima normalment tirreferi għal-liġi tal-kompetizzjoni, l-investigazzjonijiet u s-sanzjonijiet relatati ma’ kartelli kummerċjali, imġiba abbużiva minn kumpaniji b’pożizzjoni dominanti fis-suq, u fużjonijiet antikompetittivi. Jista’ jinkludi wkoll regoli dwar is-sussidji, l-intrapriżi tal-Istat u l-intrapriżi mogħtija privileġġi speċjali, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji privati.

13. Soluzzjoni tat-tilwim u medjazzjoni

Dan il-kapitolu jistabbilixxi sistema għas-soluzzjoni ta’ kwalunkwe tilwim dwar il-mod li bih il-partijiet japplikaw jew jinterpretaw il-ftehim u jsemmi l-proċeduri formali li għandhom jiġu segwiti miż-żewġ naħat jekk ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim permezz tal-medjazzjoni.

14. Dispożizzjonijiet finali

Dan il-kapitolu normalment jistabbilixxi kif il-ftehim se jidħol fis-seħħ, jipprevedi l-possibbiltà li partijiet ġodda jissieħbu fil-ftehim wara li jkun ġie ffirmat u jistabbilixxi l-proċeduri għall-emendar tal-ftehim fil-futur.

15. Protokolli oħra

Dan jista’ jkun fih informazzjoni rilevanti mhux inkluża band’oħra bħal regoli speċifiċi tal-oriġini għal kull kategorija ta’ prodott.

Links ta’ malajr