Il-prinċipju tat-territorjalità

 

Il-prinċipju tat-territorjalità jfisser li l-merkanzija b’oriġini preferenzjali trid tiġi prodotta fit-territorju tal-partijiet għal ftehim ta’ kummerċ ħieles, mingħajr ebda interruzzjoni.

  • Biex jinkiseb status oriġinarju, il-produzzjoni trid issir fit-territorju tal-UE jew fit-territorju tal-pajjiż jew pajjiżi koperti mill-arranġament kummerċjali preferenzjali, u ma tistax issir parzjalment barra minn dak it-territorju.
  • Japplikaw regoli speċifiċi dwar prodotti oriġinarji esportati lejn pajjiż ieħor barra miż-żona ta’ kummerċ preferenzjali u li jirritornaw lejn iż-żona preferenzjali:
    • Jekk l-oġġetti oriġinarji esportati lejn pajjiż ieħor barra miż-żona ta’ kummerċ preferenzjali jintużaw, jinbidlu, jinħadmu jew jiġu pproċessati hemmhekk, dawn jitqiesu bħala mhux oriġinarji meta jirritornaw lejn il-pajjiż esportatur.

Eżempju

L-UE għandha ftehim kummerċjali mal-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù. It-tajers li joriġinaw fl-UE (skont ir-regoli tal-oriġini fil-ftehim kummerċjali) jiġu esportati lejn l-Istati Uniti fejn jiġu pproċessati f’roti. Ir-roti mbagħad jiġu importati lejn l-UE mill-Istati Uniti.

Jekk ir-roti mbagħad jiġu esportati mill-UE lejn il-Kolombja, dawn ma jitqisux li joriġinaw fl-UE minħabba li t-tajers ikunu ġew ipproċessati aktar barra mit-territorju taż-żona ta’ kummerċ preferenzjali koperta mill-ftehim kummerċjali.

    • Jekk jista’ jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li l-merkanzija rritornata lill-pajjiż esportatur hija l-istess merkanzija bħal dik esportata u ma għaddiet minn ebda operazzjoni lil hinn minn dik meħtieġa biex tiġi ppreservata f’kundizzjoni tajba waqt li tkun fil-pajjiż terz jew waqt li tkun qed tiġi esportata, il-merkanzija kkonċernata żżomm l-istatus oriġinarju tagħha. Tali dispożizzjonijiet dwar “prodotti rritornati” jeżistu fl-arranġamenti kummerċjali preferenzjali kollha.

      L-esportatur li jitlob il-ħruġ ta’ prova preferenzjali tal-oriġini jew li jagħmel prova preferenzjali tal-oriġini jrid ikun jista’ jagħti prova b’dokumenti ta’ sostenn (pereżempju ċertifikat ta’ nuqqas ta’ manipulazzjoni maħruġ mill-awtoritajiet doganali ta’ pajjiż terz) li l-merkanzija rritornata hija l-istess bħal dik esportata.

Eżempju

L-UE hija membru tal-Konvenzjoni Pan-Ewro-Mediterranja. L-oġġetti li joriġinaw fl-UE (skont ir-regoli tal-oriġini fil-Konvenzjoni) jiġu esportati lejn ir-Russja. Aktar tard jiġu importati lejn l-UE mir-Russja mingħajr ebda pproċessar jew trasformazzjoni.

Jekk dawn l-oġġetti li jirritornaw imbagħad jiġu esportati lejn is-Serbja, xorta jitqiesu li joriġinaw fl-UE peress li huma l-istess bħal dawk li kienu esportati lejn ir-Russja u ma għaddew minn ebda operazzjoni lil hinn minn dik meħtieġa biex jiġu ppreservati f’kundizzjoni tajba fir-Russja jew waqt li jkunu qed jiġu esportati. Huwa f’idejn l-esportatur fl-UE li juri li l-prodotti huma l-istess bħal dawk esportati lejn ir-Russja.

Eżempju

L-UE għandha ftehim kummerċjali maċ-Ċilì. Magna tat-tħaffir tal-mini li toriġina fl-UE (skont ir-regoli tal-oriġini fil-ftehim kummerċjali) tiġi esportata lejn l-Ekwador mill-UE. Wara sentejn, il-magna l-ewwel tiġi importata lura lejn l-UE u mbagħad tiġi esportata lejn iċ-Ċilì. Tkun tilfet l-istatus oriġinarju tagħha minħabba li tkun intużat fl-Ekwador.

Links ta’ malajr