Is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur għall-prodotti tal-annimali u tal-pjanti
Din il-paġna sservi bħala dokument ta’ referenza biss għar-rekwiżiti tal-prodotti fl-UE kollha. Jistgħu japplikaw rekwiżiti addizzjonali skont il-pajjiż tad-destinazzjoni tal-UE. Jekk jogħġbok irreferi għall-Assistent tal-Kummerċ Tiegħi għad-dettalji kollha.
Jekk jogħġbok kun af li f’din il-paġna, deskrizzjoni ġenerali ta’ kull intestatura hija pprovduta fil-lingwi kollha tal-UE. Madankollu, id-dettalji huma disponibbli biss bl-Ingliż.
Is-saħħa tal-annimali
Kundizzjonijiet obbligatorji għall-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali li għandhom jiġu importati fl-UE (Approvazzjoni tas-Saħħa tal-Pajjiż, Stabbiliment approvat, Ċertifikati tas-Saħħa, Kontrolli tas-Saħħa, Dokument Veterinarju Komuni għad-Dħul (CVED)
Kontroll tas-saħħa ta’ annimali ħajjin
L-annimali ħajjin jistgħu jiġu importati fl-UE biss jekk ikunu ġejjin minn pajjiż terz inkluż f’lista pożittiva ta’ pajjiżi eliġibbli għall-annimal rilevanti, ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikati xierqa u jkunu ssuċċedew il-kontrolli obbligatorji fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera (BIP) tal-Istat Membru rilevanti.
Kontroll tas-saħħa ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa li ġejjin relatati, fost l-oħrajn, mal-kundizzjonijiet tas-saħħa relatati mal-pubbliku u mal-protezzjoni tal-bhejjem, mal-approvazzjoni tas-saħħa tal-pajjiż, u mal-istabbilimenti approvati.
Kontroll tas-saħħa ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem iridu jikkonformaw mar-regoli ġenerali dwar is-saħħa pubblika u tal-annimali. Dan isir biex jiġu ggarantiti livelli għoljin ta’ saħħa u sikurezza tul il-ktajjen tal-ikel u tal-għalf u jiġi evitat it-tixrid ta’ mard perikoluż għall-bhejjem jew għall-bnedmin.
Kontroll tas-saħħa tal-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura għall-konsum mill-bniedem iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa relatati mal-approvazzjoni tas-saħħa minn pajjiż awtorizzat, stabbiliment approvat, ċertifikati tas-saħħa, u kontroll tas-saħħa.
Kontroll tas-saħħa ta’ prodotti tas-sajd mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mhux għall-konsum mill-bniedem iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa relatati mal-approvazzjoni tas-saħħa minn pajjiż awtorizzat, stabbiliment approvat, ċertifikati tas-saħħa, u kontroll tas-saħħa.
Kontroll tas-saħħa tas-semen, l-ova u l-embrijuni
L-importazzjonijiet tas-semen, tal-ova u tal-embrijuni tal-annimali fl-Unjoni Ewropea jrid ikollhom l-għan li jiggarantixxu n-nuqqas ta’ patoġeni speċifiċi li jistgħu jitwasslu minn dawn il-prodotti, u li jevitaw il-kontaminazzjoni tar-riċevituri nisa u tal-frieħ tagħhom.
Is-saħħa tal-pjanti
Miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fl-UE ta’ pjanti, organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom
Kontroll tas-saħħa tal-pjanti
L-importazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti tal-pjanti u kwalunkwe materjal li kapaċi jżomm pesti tal-pjanti (eż. prodotti tal-injam, ħamrija, eċċ.) jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri protettivi. Dan biex tiġi evitata l-introduzzjoni u/jew it-tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti li jaqsmu l-fruntieri tal-UE.
Sikurezza tal-ikel u tal-għalf
L-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ikel u ta’ għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali huma awtorizzati biss jekk jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ġenerali u mad-dispożizzjonijiet speċifiċi mfassla biex jipprevjenu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali
Traċċabbiltà, konformità u responsabbiltà fl-ikel u fl-għalf
L-ikel u l-għalf ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni Ewropea (UE) jekk ma jkunux sikuri. Il-Liġi tal-UE dwar l-Ikel issegwi mhux biss livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi iżda wkoll il-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent.
Kontroll tas-saħħa ta' għalf ta' oriġini mhux mill-annimali
L-importazzjonijiet tal-UE ta’ għalf li ma joriġinax mill-annimali huma awtorizzati biss jekk jiġu minn stabbilimenti li għandhom rappreżentant fl-UE u jikkonformaw ma’ regoli ġenerali u speċifiċi mfassla biex jipprevjenu r-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u jipproteġu l-ambjent.
Kontroll tas-saħħa ta’ oġġetti tal-ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali
L-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ikel li ma joriġinawx mill-annimali fl-Unjoni Ewropea (UE) iridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ġenerali u mad-dispożizzjonijiet speċifiċi mfassla biex jipprevjenu r-riskju għas-saħħa pubblika u jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.
Kontroll tas-saħħa ta’ oġġetti f’kuntatt ma’ prodotti tal-ikel
Kwalunkwe materjal u oġġett maħsub biex jiġi f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel (direttament jew indirettament) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE mfassla biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi.
Kontroll tas-saħħa ta’ ikel ġenetikament modifikat (ĠM) u ikel ġdid
L-importazzjonijiet fl-UE ta’ ikel ġenetikament modifikat (ĠM) u ta’ ikel ġdid iridu jikkonformaw ma’ proċeduri speċifiċi ta’ awtorizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
Kontroll tas-saħħa u tat-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk
Il-prodotti kollha tat-tabakk importati fl-UE jridu jikkonformaw mal-qafas legali l-ġdid (applikabbli mill-20 ta’ Mejju 2016) li jirregola l-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk sabiex jiġu protetti s-saħħa pubblika u l-interessi tal-konsumaturi.
Kontroll ta' sustanzi kimiċi fl-ikel
L-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ikel u għalf huma awtorizzati biss jekk ma jkunx fihom residwi kimiċi (jiġifieri mediċini veterinarji, pestiċidi u kontaminanti) f’livelli li jistgħu jheddu s-saħħa tal-bniedem
Il-kontroll tar-residwi tal-mediċini veterinarji fl-annimali u fil-prodotti tal-annimali għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti tal-annimali għall-konsum mill-bniedem huma permessi biss jekk jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE li tillimita l-ammont ta’ sustanzi kimiċi u residwi permessi f’annimali ħajjin u fi prodotti tal-annimali.
Kontroll tal-kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel
L-importazzjonijiet fl-UE ta’ oġġetti tal-ikel għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE mfassla biex tiżgura li l-ikel imqiegħed fis-suq ikun sikur biex jittiekel u ma jkunx fih kontaminanti f’livelli li jistgħu jheddu s-saħħa tal-bniedem.
Kontroll tar-residwi tal-pestiċidi fil-prodotti tal-pjanti u tal-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem
L-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-pjanti u tal-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem li jista’ jkollhom residwi ta’ pestiċidi huma permessi biss meta jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE mfassla biex tikkontrolla l-preżenza ta’ sustanzi kimiċi u residwi f’annimali ħajjin, prodotti tal-annimali u prodotti li joriġinaw mill-pjanti.
Standards ta’ kummerċjalizzazzjoni (kwalità) għall-prodotti agrikoli u tas-sajd
Ċerti prodotti agrikoli u tas-sajd li jiġu fornuti friski lill-konsumatur iridu jikkonformaw mal-istandards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-kwalità li huma relatati ma’ varjetà ta’ aspetti (freskezza, daqs, kwalità, preżentazzjoni, tolleranzi, immarkar, eċċ.) u jistgħu jiġu mmonitorjati permezz ta’ spezzjonijiet dokumentali u/jew fiżiċi.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd għat-tifqis u għall-flieles tat-tjur tar-razzett
Il-bajd għat-tifqis u l-flieles importati fl-UE jrid ikollhom indikazzjonijiet ċari tal-iskop u l-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Huma biss dawk tal-istess speċi, kategorija u tip ta’ tjur li jistgħu jiġu ppakkjati flimkien.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd
Il-bajd tat-tiġieġ importat, adattat għall-konsum mill-bniedem jew għall-użu fl-industriji tal-ikel, ma jistax jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) sakemm ma jikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-gradazzjoni, l-immarkar, u t-tikkettar/l-imballaġġ.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tas-sajd
Ċerti prodotti tas-sajd jistgħu jiġu importati minn pajjiżi terzi u kkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea (UE) biss jekk jissodisfaw ir-regoli tal-UE dwar il-klassifikazzjoni skont il-kategoriji tal-freskezza, id-daqs jew il-piż, l-imballaġġ, il-preżentazzjoni u t-tikkettar.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski
Il-frott u l-ħxejjex li huma maħsuba biex jinbiegħu friski lill-konsumatur fl-UE, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità kummerċjabbli u jekk il-pajjiż tal-oriġini jkun indikat skont ir-regolamenti tal-UE. Huma stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għall-importazzjonijiet ta’ tali prodotti mill-Indja, mill-Kenja, mill-Marokk, mis-Senegal, mit-Turkija u mill-Afrika t’Isfel.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mill-Indja
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mill-Kenja
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mill-Marokk
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mis-Senegal
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mit-Turkija
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħxejjex friski mill-Afrika t’Isfel
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-banana friska
Il-banana importata trid tikkonforma mar-regoli tal-UE f’oqsma bħall-kwalità, id-daqs, il-preżentazzjoni, eċċ. qabel ma titqiegħed fis-suq.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-qanneb
(Meħtieġa biss għaż-żrieragħ tal-qanneb) Iż-żrieragħ tal-qanneb importati jridu jgħaddu minn kontrolli f’żoni bħall-iskop u l-kontenut ta’ tretraidrokannabinol (THC).
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ħops
Il-ħops u l-prodotti tal-ħops jistgħu jiġu importati fl-UE biss jekk jagħtu prova li l-istandards tal-kwalità tagħhom huma mill-inqas ekwivalenti għar-rekwiżiti minimi tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti mill-UE.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ilma minerali naturali
L-użu ta’ deskrizzjonijiet u definizzjonijiet ta’ ilma minerali naturali huwa obbligatorju biex l-ilma bbottiljat jiġi esportat lejn is-suq tal-UE, kif ukoll biex jiġu ssodisfati l-kriterji standard tal-kwalità.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa
L-użu tad-deskrizzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ huwa obbligatorju biex iż-żjut taż-żebbuġa jiġu esportati lejn is-suq tal-UE, kif ukoll biex jiġu ssodisfati l-kriterji standard tal-kwalità.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur
Il-laħam tal-pollam importat irid jikkonforma mar-regoli tal-UE f’oqsma bħall-preservazzjoni, il-kriterji tal-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-kontenut tal-ilma qabel ma jitqiegħed fis-suq.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni għas-sardin ippreservat
Is-sardin ippreservat importat irid jikkonforma mar-regoli tal-UE f’oqsma bħat-tip ta’ speċi, il-preżentazzjoni, il-midja li tkopri, l-isterilizzazzjoni, eċċ. qabel ma jitqiegħed fis-suq tal-UE.
Rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni għaż-żrieragħ u għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti
Iż-żrieragħ u l-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti li jidħlu fis-suq tal-UE jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn huma mfassla biex jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw il-kriterji għas-saħħa u l-kwalità għolja kif ukoll il-protezzjoni tal-bijodiversità.
Standards ta' kummerċjalizzazzjoni għat-tonn u l-plamtu ppreservati
It-tonn u l-plamtu ppreservat importati fl-UE jridu jsegwu l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni rigward l-użu tal-ispeċijiet tal-ħut, l-omoġeneità, il-kopertura tal-medium, id-deskrizzjoni kummerċjali, eċċ. qabel ma jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
Ċertifikat u rapport ta’ analiżi għall-inbid, il-meraq tal-għeneb u l-most
L-approvazzjoni tal-importazzjoni tal-inbid, tal-most tal-għeneb u tal-meraq tal-għeneb teħtieġ Dokument V I 1, li huwa ċertifikat tar-rapport ta’ analiżi magħmul minn laboratorju uffiċjali rikonoxxut mill-pajjiż terz.
Prodotti mill-produzzjoni organika
Deskrizzjoni tal-iskema ta’ produzzjoni organika li għandha l-għan li tippromwovi prodotti ta’ kwalità u l-integrazzjoni tal-konservazzjoni ambjentali fl-agrikoltura.