Id-dwana: ftehim ġdid biex jittejbu l-flussi kummerċjali bejn l-UE u l-Moldova jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru
L-arranġamenti l-ġodda jfissru li kemm l-UE kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova se jirrikonoxxu b’mod reċiproku l-programmi tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEOs) ta’ xulxin, li jlaqqgħu flimkien negozjanti li jissodisfaw ċerti kriterji u li għalhekk jistgħu jibbenefikaw minn arranġamenti doganali simplifikati.
Mill-1 ta’ Novembru, kemm l-UE kif ukoll il-Moldova se jipprovdu benefiċċji reċiproċi lill-AEOs ta’ xulxin, bħal inqas kontrolli doganali u trattament prijoritarju fl-iżdoganar tal-merkanzija. Il-Ftehim huwa pass kbir’ il quddiem fir-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Moldova. Se tkompli tagħti spinta lill-opportunitajiet kummerċjali u tikkontribwixxi għall-fluss bla xkiel tal-merkanzija bejn iż-żewġ naħat, mingħajr ma tikkomprometti l-istandards għoljin ta’ sigurtà. Fi żmien meta n-negozji jeħtieġu l-appoġġ kollu li jistgħu jiksbu biex jegħlbu l-kriżi li għaddejja bħalissa minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-ftehim se jagħmel il-kummerċ aktar faċli u inqas għali għal ħafna kummerċjanti tal-UE u tal-Moldova.
Ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova hija ggwidata mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi ż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs). L-UE tikkoopera mal-Moldova fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u d-dimensjoni reġjonali tal-Lvant tagħha, is-Sħubija tal-Lvant, bl-għan ewlieni li l-Moldova titqarreb lejn l-UE. L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Moldova, u tirrappreżenta 52.2 % tal-kummerċ totali tagħha. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Moldova ammontaw għal EUR 3.8 biljun fl-2021.